SISTEMA ĠDIDA BIEX TISSAĦĦAN IL-PIXXINA TAN-NEPTUNES HD

27.06.2022
ONE.COM.MT • Permezz ta’ proġett bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-klabb tal-waterpolo tan-Neptunes, se ssir sistema ġdida biex tissaħħan il-pixxina tal-istess klabb. Din is-sistema se tnaqqas sostanzjalment il-konsum tal-elettriku u l-emissjonijiet filwaqt li tkompli tgħolli l-livell tal-faċilitajiet sportivi f’pajjiżna. KITBA: EMAN PORTELLI FILMAT: PA B’investiment ta’ erba’ mija u ħamsin elf ewro, li ġejjin mill-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-klabb tal-waterpolo tan-Neptunes se jibda jsaħħan il-pixxina ta’ barra. Dan it-tisħin se jsir permezz ta’ sistema li hija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li se twassal ukoll biex il-klabb jiffranka l-ispejjeż. Bejn ix-xhur ta’ Ottubru u Mejju, l-operat tal-pixxina kien qed ikun ta’ sfida finanzjarja għall-klabb. Il-President tan-Neptunes, Matthew Bonello, innota li s-sistema l-ġdida se tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż operattivi, u dan se jippermetti lill-klabb jinvesti aktar fl-atleti u f’xogħlijiet infrastrutturali. MATTHEW BONELLO IL-PRESIDENT TAN-NEPTUNES “Mill-lat ambjentali l-emissjonijiet se jonqsu,, kif qed ngħidu b’iktar min-nofs. Mil-lat sportiv, ovvjament, jippermettilna li kull minn juża l-pixxina tagħna fix-xhur tax-xitwa jibbenefika mill-faċilitajiet illi noffru hawnhekk.” Iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Fond, il-Perit Vincent Cassar, tkellem dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. VINCENT CASSAR IĊ-CHAIRMAN TAL-KUMITAT TAL-FOND TAL-IPPJANAR TAL-IŻVILUPP “... li se jkunu ekwivalenti għal kważi ħmistax-il elf siġra li tista’ tħawwel kull sena, u allura aħna, bħala Awtorità tal-Ippjanar, kuntenti ħafna illi oltre li naraw il-flus li jkunu qegħdin jiġu utilizzati tajjeb, kemm biex jitnaqqas il-piż finanzjarju tal-klabb imma wkoll illi qegħdin nippromwovu xi ħaġa għall-ambjent.” Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li qal li huwa ħerqan sabiex ikomplu jsiru aktar proġetti li jmorru id f’id mal-isforzi li qed isiru f’Malta fil-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima f’aktar lokalitajiet.

Похожие видео

Показать еще