REĠGĦET SARET IL-FESTA ĦUT F’MARSAXLOKK HD

12.09.2022
ONE.COM.MT • L-ispnott, l-awrat, it-tonn u l-gamiem kienu fost il-ħafna ħut li kien hemm għal bejgħ ilbieraħ filgħaxija fil-Festa Ħut, li wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, reġgħet saret fir-raħal tas-sajjieda: Marsaxlokk. KITBA: NIRAYL GRECH FILMATI: BJORN BONELLO Wara nuqqas ta’ sentejn, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-Ħadd filgħaxija f’Marsaxlokk reġgħet saret il-Festa Ħut. Min jgħajjat biex ibigħ xi ħuta, min jiżen u min iqatta’ t-tonn frisk. Il-Ħadd f’Marsaxlokk kien hemm, fil-veru sens tal-kelma, festa tal-ħut u ta’ dak li għandu x’jaqsam mas-sajd u mat-tradizzjonijiet marbuta miegħu. Apparti li spikkaw il-bejjiegħa tal-ħut, bin-nies jixtru dak li qabdu s-sajjieda, kien hemm min kien qed isajru fuq il-post u kien hemm ukoll ukoll diversi mudelli tal-ħut magħmula bl-idejn. Roman Gafà, wieħed mill-bejjiegħa tal-ħut, qal li l-flus mill-bejgħ tal-ħut se jingħataw għall-karità. ROMAN GAFÀ BEJJIEGĦ TAL-ĦUT ‘Bħal ma tista’ tara, għandna għażla kbira ta’ ħut lokali, bħal spnott. Hawn l-awrat, tonn, gamiem, mazzol, lampuki. Qed inbigħuh bl-irħis, tawhomna donazzjoni u l-flus li se niġbru se nagħtuhom donazzjoni għall-karità.’ F’din il-festa, li għaliha jagħti kontribut kbir il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, spikka wkoll in-numru ta’ dawk li jħobbu l-ħut u li għomorhom u żmienhom fuq il-baħar. Ġużeppi Carabott, Xlukkajr, ilu għomru kollu fis-sajd. Beda minn ta’ eta żgħira, għax il-ġenituri tiegħu kienu jħobbu s-sajd ukoll. Spjegalna x’inhuma l-fatturi tal-luzzu Malti u kif jintgħaraf. ĠUŻEPPI CARABOTT SAJJIED VETERAN ‘Il-luzzu kellu pruna quddiem u oħra wara. Għax imbagħad hemm il-kajjikk, differenti. Hemm il-fregatina, imma l-luzzu jingħaraf. Malli tarah tgħid, “ara, dan luzzu” - xi ħaġa tradizzjonali tal-Maltin, il-luzzijiet. Għall-din l-attività attendew bosta familji u anki turisti. Apparti mill-bejgħ tal-ħut u l-ikel, kien hemm ukoll sezzjoni fejn it-tfal setgħu jitgħallmu aktar fuq is-sajd. Preżenti għall-Festa Ħut kien hemm , fost l-oħrajn, l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari fl-istess ministeru, Alicia Bugeja Said.

Похожие видео

Показать еще